09:09
lawgen123
7.3K
Kjarifiċi miċ-Ċenaklu Theotokos - 26 t’April 2011 Fid-dawl ta’ ċerti kummenti li saru fil-mezzi ta’ komunikazzjoni dwar uħud mill-allegati messaġġi tas-Sinjura ta’ Borġ in-Nadur lil Angelik Caruana …Aktar
Kjarifiċi miċ-Ċenaklu Theotokos - 26 t’April 2011

Fid-dawl ta’ ċerti kummenti li saru fil-mezzi ta’ komunikazzjoni dwar uħud mill-allegati messaġġi tas-Sinjura ta’ Borġ in-Nadur lil Angelik Caruana, il-membri taċ-Ċenaklu Theotokos jixtiequ jagħmlu dawn il-kjarifiċi:
1. Sa mill-bidu tal-allegati dehriet tas-Sinjura (2006), kien hemm messaġġi li jirreferu għal diżastri naturali kemm madwar id-dinja u kemm f’pajjiżna.
2. Fl-allegati messaġġi, is-Sinjura insistiet fuq it-talba tar-rużarju bħala mezz biex pajjiżna u d-dinja jkunu meħlusa mid-diżastri naturali.
3. Id-divorzju ilu jissemma fl-allegati messaġġi tas-Sinjura mill-bidu ta’ dawn il-ġrajjiet. M’hemmx konnessjoni diretta bejn il-bidu ta’ messaġġi li jsemmu d-divorzju ma’ meta bdiet tiġi proposta l-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju f’pajjiżna.
4. Ma kienx hemm allegati messaġġi li jorbtu direttament id-diżastri naturali mal-proposta tal-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna.
5. Ma kien hemm l-ebda allegat messaġġ li jitkellem dwar x’jista’ jkun ir-riżultat tar-referendum dwar l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna.
6. Aħna nżommu ruħna ’l bogħod minn kull interpretazzjoni ta’ dawn l-allegati messaġġi li jagħmel ħaddieħor u ma naċċettawx responsabbiltà ta’ dak li joħroġ bih ħaddieħor fuq l-allegati messaġġi. Aħna stess ma nqisuniex f’pożizzjoni li ninterpretaw l-allegati messaġġi. Inħallu l-interpretazzjoni f’idejn persuni kompetenti fil-Knisja.
7. Ħadd ma huwa awtorizzat li jikteb jew jitkellem f’isimna. Il-materjal ippubblikat minna jinsab fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħna: www.borgin-nadur.org
8. Il-messaġġ ewlieni tas-Sinjura ta’ Borġ in-Nadur jidher li huwa li tħobbna b’imħabba ta’ omm vera u li qalbha u qalb Binha Ġesù jinsabu mweġġgħin minħabba d-dnub tal-bniedem. Is-Sinjura titlob konverżjoni mill-umanità kollha u mill-Insara. Dil-konverżjoni, is-Sinjura qed titlobha billi nduru lejn Ġesù permezz tal-Qrar, l-Ewkaristija, ir-rużarju, is-sawm, is-sagrifiċċji u l-penitenza.
9. Nixtiequ nenfasizzaw li l-allegati fenomeni li jseħħu f’rabta ma’ dawn l-allegati messaġġi għandhom importanza sekondarja u sussidjarja għall-allegat messaġġ ta’ Borġ in-Nadur.
10. Fejn jidħlu dawn l-allegati messaġġi, dehriet u fenomeni oħra, filwaqt li ma nistgħux niċħdu l-esperjenzi personali tagħna, aħna nissottomettu lilna nfusna għall-ġudizzju tal-awtoritajiet kompetenti tal-Knisja Kattolika.
11. Nixtiequ nħeġġu lil dawk kollha li qed isegwu dawn il-ġrajjiet biex:

a. ikunu fidili lejn il-fatti

b. ikunu ubbidjenti lejn l-awtoritajiet tal-Knisja, kemm-il darba jkun hemm xi direttiva dwar dawn il-ġrajjiet

c. jibnu l-fidi tagħhom fuq il-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja.

12. Xi persuni assoċjati ma’ Borġ in-Nadur imexxu katina-rużarju fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur bl-intenzjoni biex pajjiżna jkun imħares mid-divorzju. Il-katina rużarju ilu li beda minn qabel il-kwistjoni tar-referendum fuq id-divorzju u barra minn hekk, l-intenzjonijiet għat-talb varjaw matul iż-żmien. Fl-allegati messaġġi, is-Sinjura ġieli talbet hi stess biex isiru dawn il-laqgħat għall-katina-rużarju.

13. Fr Hayden Williams OFM Cap u Fr David Cefai SJ ma ġewx imqabbdin mill-awtoritajiet tal-Knisja biex ikunu preżenti magħna, iżda jilqgħu t-talba tagħna biex jakkumpanjawna. Aħna ma nqisux il-preżenza tagħhom bħala rikonoxximent ta’ Borġ in-Nadur mill-awtoritajiet tal-Knisja u lanqas huma magħna biex japprovaw jew le dak li jseħħ fuq Borġ in-Nadur jew joħroġ minn dawn il-fenomeni u messaġġi. Fr Hayden u Fr David m’humiex magħna biex jippromwovu jew imexxu l-messaġġi ta’ Borġ in-Nadur, imma biex jgħallmuna l-Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Dan l-akkumpanjament inħossuh ta’ bżonn għalina u għal dawk li jattendu.

14. Nixtiequ noffru din ir-riflessjoni teoloġika miktuba minn Mons. Rene Laurentin fil-ktieb The Apparitions of the Blessed Virgin Mary Today, p. 123-127. Huwa u jirrifletti fuq it-tema tad-diżastri naturali f’diversi allegati messaġġi tal-Madonna fi żminijietna, Mons. Laurentin jikteb:
“Id-dehriet tal-lum, bħal dawk tal-imgħoddi, huma fl-istess ħin messaġġ profetiku u proposta mill-Vanġelu. Dil-proposta taf tkun ripetuta sa ma tinħass vojta wkoll. Smajnieha qabel. Iġġegħilna nħarsu bis-serjetà lejn realtà li ttraskurajna u nsejna, għax fil-każ tagħna spiss dak li hu urġenti issa jieħu l-post ta’ dak li hu essenzjali.
Il-messaġġ tad-dehriet, l-ewwelnett joffrilna eżami: id-dinja tal-lum intelqet bla kedda u bla nkwiet għad-dnub. Qed teqred lilha nnifisha. It-theddida hija tassew serja. Dan hu li qed jgħidu d-dehriet b’diversi modi: daqqa b’lingwaġġ maħsub biex jaħsad lil dak li jkun u daqqa b’lingwaġġ li jaħbi u oskur...
Id-dehriet irattbu u sa ċertu punt iħaffu l-qawwa ta’ meta jixxandru theddidiet li jkunu waslu biex iseħħu... għax l-intenzjoni mhix biex tbeżża’ lin-nies jew li tagħmilhom aktar anzjużi, iżda biex tistedinhom imorru lura lejn l-għajn li tfejqilhom id-dnewwa u l-ansjetajiet...

Id-dnub hu l-għerq tal-ħażen (insult għal Alla u qerda tal-bniedem)...
Id-dnub tagħna jeqred l-ordni u l-ekoloġija tal-kreazzjoni ta’ Alla. Aħna niżviluppaw kif ukoll inħassru lid-dinja li fuqha nsaltnu. L-ekoloġisti dan jafuh fuq il-livell tar-rittmi naturali tad-dinja. Iżda l-livell morali u reliġjuż mhux mogħti biżżejjed attenzjoni. Dan hu dak li jżomm lill-ħolqien u lill-bnedmin f’bilanċ fir-relazzjoni essenzjali tagħhom mal-Ħallieq. Mingħajr dan il-bilanċ hemm ir-riskju li neqirdu lilna nfusna. Fl-isforz biex naqtgħu lilna nfusna ’l hemm mill-Ħallieq inkunu qisna wieħed li jisserra l-fergħa stess li qiegħed ipoġġi fuqha. Dan il-bilanċ morali u divin fl-aħħar mill-aħħar huwa l-aspett l-aktar importanti...
Id-dnub, peress li jeqred ir-relazzjoni bejn il-ħlejqa u l-Ħallieq, jeqred lill-ħlejqa stess. Id-dnub iferina fuq livell fiżiku, f’ġisimna, fuq livell spiritwali, kif ukoll jeqred lid-dinja. L-evidenza ta’ dan hija ċara daqs il-jum.
Xejn minn dan ma hu vendetta mixħuta fuqna, iżda hi biss il-konsegwenza li hemm fl-iżbalji umani stess. Il-qerda tagħna nfusna hija forma ta’ ġustizzja li toħroġ mill-aġir ħażin tagħna stess. M’huwiex Alla l-awtur tal-ħażin li jiġrilna. Aħna stess l-awturi ta’ dan.
M’għandniex ninsew ukoll li minħabba l-għaqda li hemm bejn il-bnedmin, il-ħażin jeffettwa saħansitra lill-innoċenti.”