02:25
ros-ann
818
Lk 4:16-30 -- ... Jesus not welcomed in Nazareth - In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù. MONDAY GOSPEL OF WEEK 22 IN ORDINARY TIME --- 'This text is being fulfilled today, even as you listen' --- …Aktar
Lk 4:16-30 -- ... Jesus not welcomed in Nazareth - In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù.

MONDAY GOSPEL OF WEEK 22 IN ORDINARY TIME
--- 'This text is being fulfilled today, even as you listen' ---
Evanġelju
Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin ...ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu
Lq 4, 16-30

Qari mill-evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù [Lq:4:16] ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra.[Lq:4:17] Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
[Lq:4:18] 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.'

[Lq:4:20] Mbagħad raġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. [Lq:4:21] U beda jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu."

[Lq:4:22] U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin Ġużeppi?" [Lq:4:23] Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek : dak kollu li smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." [Lq:4:24] U żied jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu. [Lq:4:25] Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; [Lq:4:26] madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. [Lq:4:27] U kien hemm bosta lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja."

[Lq:4:28] Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; [Lq:4:29] qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta' rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. [Lq:4:30] Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

.