02:26
ros-ann
1644
Mk 11:11-25 -- The fig tree; the cleansing of the Temple - Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar ... FRIDAY GOSPEL OF WEEK 8 IN ORDINARY TIME Evanġelju Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus …Aktar
Mk 11:11-25 -- The fig tree; the cleansing of the Temple - Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar ...

FRIDAY GOSPEL OF WEEK 8 IN ORDINARY TIME

Evanġelju
Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha. Emmnu f’Alla!
Mk 11, 11-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

[Mk:11:11] Wara d-daħla messjanika f’Ġerusalemm, Ġesù baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax. [Mk:11:12] L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. [Mk:11:13] Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu m'huwiex żmienu. [Mk:11:14] U qalilha: "Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!" U d-dixxipli tiegħu semgħuh.

[Mk:11:15] U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta' dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, [Mk:11:16] u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b'xi ħaġa jaqsam mit-tempju. [Mk:11:17] U beda jgħallimhom u jgħidilhom: "Ma hemmx miktub li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha ? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!“ [Mk:11:18] Dan wasal f'widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x'jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu.

[Mk:11:19] Fil-għaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt. [Mk:11:20] Fil-għodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq. [Mk:11:21] Pietru ftakar, u qallu: "Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet !" [Mk:11:22] U Ġesù wieġeb u qalilhom: "Emmnu f'Alla. [Mk:11:23] Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, 'Intrefa' u nxteħet il-baħar', bla ma joqgħod jitħasseb f'qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. [Mk:11:24] Għalhekk ngħidilkom: kull ma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. [Mk:11:25] U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom."

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

.
Josefine
👍 👏 👏