04:55
lawgen123
211
Li tibgħat lili wkoll fl-għalqa tiegħek. Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja …Aktar
Li tibgħat lili wkoll fl-għalqa tiegħek.

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Ma nistax ngħid li qatt ma qabbadtni, Mulej. Jekk ngħid li ma nafx kemm il-ħsad hu kbir għall-ftit ħaddiema li hawn inkun qed ngħid kelma b’oħra. Appelli jsiru spiss: għal kull ħidma għal kull servizz għal kull kategorija U jien nisma’, Mulej. Naħbat se nitħajjar. Imma qatt ma niddeċiedi li nintrabat li nimpenja ruħi li noffri lili nnifsi. Nibqa’ nikkuntenta li nagħti l-loqom. Fil-prattika nibqa’ nitlajja fil-pjazza tal-kumdita’ tiegħi naħli l-jum kollu ma nagħmel xejn bis-sens xejn fit-tul xejn b’serjeta’. U l-ġid jintilef, Mulej, u ż-żmien jinħela kollu tort tal-għażż u x-xeħħa tiegħi. Mulej, ibqa’ oħroġ sib in-nies għax-xogħol. Miegħek m’hemmx qagħad. Miegħek jiskarta biss min irid. Tħalliniex naħarbu r-responsabbiltajiet tagħna lejk lejn il-Knisja lejn is-soċjeta’. Postna ma jista’ jimlih ħadd. Qatt mhu tard wisq, Mulej, biex timpjegana miegħek. Għinna nibdew almenu llum. Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li tibgħat lili wkoll fl-għalqa tiegħek. X’ħin trid int. Bil-kundizzjonijiet tiegħek. Bil-ġustizzja kif tifhimha int. Int mgħallem mudell, Mulej. Sejjaħli, Mulej, anki biex nidħol għax-xogħol kmieni. Għall-ħlas ma nħabbilx rasi … inħalli f’idejk. Li tħaddimni miegħek hu ġa ħlas kbir biżżejjed.