04:08
lawgen123
601
Xi Tridni Nagħmillek? – Li jkolli l-għatx għall-ġustizzja. Ir-Raba’ Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja …Aktar
Xi Tridni Nagħmillek? – Li jkolli l-għatx għall-ġustizzja.

Ir-Raba’ Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Fejn jidħlu l-interessi tiegħi, Mulej, dejjem irridha l-ġustizzja, u malajr. Malli jirfsuli tarf xi dritt tiegħi veru jew immaġinarju mill-ewwel noqmos, Mulej, nipprotesta nieħu passi. Kulħadd isir jaf. Indum żmien intaqtaq nikteb fil-gazzetti inċempel fuq ir-radju. Imma fejn jinqarsu l-oħrajn, Mulej, bilkemm ninduna inħosshom jesaġeraw jdejquni jgħidu. Mur ġibni noħroġ rasi għalihom Mulej, niġġieled il-kawża tagħhom inxerred demmi għalihom! L-aħjar kulħadd iqis qisu ma jindaħalx fejn ma jesgħux jiddefendi lilu nnifsu. Naħseb għalhekk minix hieni, Mulej, Għax ma ħadtx l-eżempju u r-riċetta tiegħek. Allaħares int iddefendejt biss l-interessi tiegħek il-ġustizzja tiegħek id-drittijiet tiegħek! Kieku x’sar minni, Mulej? Xi drittijiet għandi quddiemek? Qabbadni l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja l-iktar fejn tidħol int fejn jidħlu d-drittijiet ta’ ħuti. Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li jkolli l-għatx għall-ġustizzja. Agħtini, Mulej, is-sensibbilita’ ħafna iżjed kbira biex inħoss mill-ewwel il-weġgħat ta’ ħuti nilmaħ fil-pront il-ġerħat tagħhom nixxotta minnufih id-dmugħ t’għajnejhom u ta’ qalbhom. Imbagħad int ixxebbagħni, Mulej, bil-hena tiegħek. Għax meta nagħti nkun naqla’ bil-loġika tiegħek.