04:31
lawgen123
2.3K
Is-Siegħa Tiegħi. Il-Ħames Ħadd tar-Randan. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet …Aktar
Is-Siegħa Tiegħi.

Il-Ħames Ħadd tar-Randan. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Dalwaqt, Mulej, tintrefa’ mill-art; ftit ġranet oħra. Dalwaqt taqa’ fl-art, bħal ħabba tal-qamħ u tmut u tagħmel ħafna frott. Dalwaqt jerġa’ jigglorifikak il-Missier darba għal dejjem. Dalwaqt tkeċċi l-prinċep tad-dinja u tiġbed il-bnedmin kollha lejk. Siegħa mqaddsa. Is-siegħa tiegħek. Is-siegħa li ġejt apposta għaliha. Siegħa ta’ taħwid. Imma siegħa ta’ fidwa li tiswa eternità. Kemm nixtieq narak jien ukoll, Mulej, bħal dawk il-Griegi li talbu ‘l Filippu u lil Indri’, proprju ftit qabel dik is-siegħa ta’ taħwid ta’ glorifikazzjoni! Kont nilmħek fl-aħħar mill-aħħar, determinat li tgħix dik is-siegħa b’irġulija b’ubbidjenza b’perfezzjoni. Il-ġid ma jsirx bix-xejn, Mulej, imma bi prezz. Oħloq fija, O Alla, qalb ġdida qalb ġeneruża qalb altruwista. Għinni waqt il-biżgħat tiegħi waqt il-qtiegħ il-qalb waqt l-insuċċessi. Meta nħossni mħawwad u ma nafx x’naqbad ngħid, għinni nitolbok is-salvazzjoni tiegħek, Mulej, u nkompli fi triqti warajk miegħek. Urini kif nobgħod ħajti waqt li nibqa’ nħobbha kif nitlef ħajti biex insibha sħiħa, kif inkun lest nindifen biex inqum fis-siegħa li tagħżel int għalija.