03:32
lawgen123
2.3K
Żmieni tiegħek. It-Tielet Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet …Aktar
Żmieni tiegħek.

It-Tielet Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. M’hemmx żmien x’nitilfu Mulej, quddiemek. L-erbgħin jum ta’ spazju għall-indiema malajr jgħaddu. U jekk naħluhom, faċilment ninqerdu nintilfu nitħawdu. Iż-żmien qasir wisq, Mulej. Biex niġi warajk u naqdik kif trid int ma nistax inħalli għal għada. Jeħtieġ inħalli minnufih persuni u oġġetti xbiek u qraba u lavranti, u niġi warajk nistad miegħek. Mulej, tħallinix nitnikker inberbaq ħajti fix-xejn nehda b’dak li hu sekondarju. Tħallinix infittex is-sodisfazzjon qabel l-essenzjal il-gosti tiegħi qabel tiegħek l-egoiżmu tiegħi qabel il-bżonn. F’għajnejk, Mulej, mhux biżżejjed li nagħmel xi ħaġa. Tridni nwettaq dak li trid int fejn trid int kif trid int bla tlaqliq bla ma niskarta bla aljenazzjonijiet. Mulej, għinni ninsa l-kumditajiet tiegħi iċ-ċertezzi ta’ persuni li drajt l-ambjenti familjari għalija meta ssejjaħli għal xi ħidma ġdida. Tħallinix naħli ż-żmien nagħmel fattija imma mexxi l-għemil tiegħi skond ir-rieda tiegħek. Għinni nkattar l-għemejjel tajba tiegħi inxandar il-messaġġi li tagħtini int inqum u mmur fejn tibgħatni ħalli l-bnedmin jindmu u jemmnu jagħarfu li s-Saltna waslet jerġgħu lura mit-toroq ħżiena. Żmieni tiegħek, Mulej: ħa ngħixu kif trid int.